Il-Kumitat Olimpiku Malti organizza b’suċċess il-Jum Olimpiku, f’Birżebbuġa, li laqqa’ flimkien studenti minn tliet skejjel għal nofs ta’ nhar ta’ sport, ħidma f’ambjent ta’ tim u avventura. Studenti mill-Iskola Immaculate Conception tal-Ħamrun, l-Iskola Santa Monika ta’ Birkirkara u l-Iskola Primarja tal-Isla ħadu sehem fi programm ta’ attivitajiet organizzati fil-bajja, b’jum li ffoka fuq it-temi Iċċaqlaq, Tgħallem u Skopri.
Għalkemm il-Jum Olimpiku uffiċjali huwa ċċelebrat kull sena fit-23 ta’ Ġunju biex jitfakkar it-twaqqif tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali f’Sorbonne, Pariġi, fl-1894, isiru attivitajiet marbuta matul is-sena kollha. Dan l-avveniment, kien organizzat mill-Akkademja Olimpika ta’ Malta fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Malti,
bl-appoġġ tal-assoċjazzjonijiet u l-federazzjonijiet sportivi affiljati mal-KOM, kellu l-għan li jħeġġeġ li kulħadd ikun attiv, jitgħallem dwar il-valuri tal-moviment Olimpiku, u jippruva dixxiplini sportivi ġodda.
Il-parteċipanti kellhom l-opportunità jduru 11-il stand kull wieħed, immexxi minn kowċis kwalifikati u rappreżentanti mill-federazzjonijiet li ħadu sehem, u b’hekk it-tfal kellhom l-opportunità jippruvaw firxa
wiesgħa ta’ dixxiplini – ħafna minnhom għall-ewwel darba. Flimkien ma’ sessjoni li spjegat il-Valuri Olimpiċi, l-isports offruti kienu jinkludu Badminton, Beach Football, Beach Handball, Beach Volleyball,
Cricket, Golf, Rugby, l-Ibburdjar, Taekwondo u Tug of War.
David Azzopardi, Viċi President tal-KOM u Direttur tal-Akkademja Olimpika kkummenta li l-isport huwa ħafna aktar minn sempliċi kompetizzjoni – huwa skola għall-ħajja. Jgħallem rispett, dixxiplina, perseveranza u l-valur tal-ħidma.
Jum Olimpiku


