Enerġija Lokali

KAMPANJA TA’ GIDEB: Il-PN jiċħad b’mod kategoriku l-allegazzjonijiet tal-Mexxej Laburista

Fi stqarrija, il-PN insista illi huwa evidenti li Robert Abela jinsab f’paniku bil-proposti li qed joħroġ jum wara l-ieħor il-Partit Nazzjonalista.

Minkejja li mingħalih li se jaħsad lill-PN b’allegazzjonijiet bħalma għamel illum fuq il-proposta tal-Mediterranean Maritime Fuel Hub, jidher ċar li l-Partit Nazzjonalista jinsab ippreparat imexxi lill-pajjiż iktar mill-Partit Laburista li għeja u nixef mill-ideat.

Il-Partit Nazzjonalista jiċħad b’mod kategoriku dak li qal Abela u jtenni li kull proposta li qed joħroġ biha qed issir wara konsultazzjoni ma’ esperti li studjaw il-proposti tiegħu fid-dettall.

Proposti li qed jintlaqgħu tajjeb mill-pubbliku u mill-istakeholders ewlenin f’pajjiżna, fosthom din il-proposta li se twassal biex jitneħħa t-tanker tal-gass li r-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa kienu mwiegħda mill-Gvern Laburista stess li se jitneħħa wara tliet snin.

Il-Prim Ministru forsi ma indunax li din l-istess proposta ntlaqgħet tajjeb ukoll miċ-Chairman tal-Malta Maritime Forum li qal li l-introduzzjoni ta’ faċilità ta’ bunkering lil hinn mill-bajja ta’ Marsaxlokk hija importanti ferm għall-futur tas-settur marittimu.

Il-Partit Nazzjonalista jistieden lil Abela biex jekk għandu xi informazzjoni jmur biha għand il-pulizija.

Il-familji Maltin u Għawdxin jistennew li minflok jivvinta u jipprova jbeżża’ bil-babaw, Robert Abela joffri l-viżjoni tiegħu għal niċeċ ekonomiċi ġodda bħalma qed jagħmlu Alex Borg u il-Partit Nazzjonalista.

Jidher ċar, iżda, li minħabba li Robert Abela m’għandux mod kif ikompli jkabbar l-ekonomija Maltija ħlief billi jkompli jimplimenta politika taċ-cheap labour minn barra l-UE, qiegħed jinfexx f’politika negattiva u tal-biża’.