Futbol Sport

Noel Turner ma jibqax assistent kowċ ta’ Sliema Wanderers

Wara snin twal ta’ dedikazzjoni u servizz leali, Noel “Guy” Turner m’għadux jokkupa l-kariga ta’ assistent kowċ ma’ Sliema Wanderers, hekk kif iddeċieda li jkompli l-karriera tiegħu b’kapitlu personali ġdid. Turner huwa magħruf għal-lealtà imprezzabli li kellu għal Sliema Wanderers, ħalla impatt qawwi kemm fil-grawnd bħala captain ta’ Sliema, kif ukoll barra mill-grawnd fil-komunità Sliemiża.

Matul l-aħħar sitt snin, Turner okkupa l-kariga ta’ assistent kowċ, fejn kien figura ewlenija fil-bini tal-ispirtu tat-tim, billi offra sens ta’ tmexxija, dixxiplina u impenn kontinwu lejn il-Blues.

Il-Guy kien ukoll magħruf għal impenn li kellu ma’ plejers żgħażagħ, li raw fih eżempju ta’ professjonalità u lealtà.

Il-preżenza tiegħu fid-dressing room kienet kruċjali biex jinżamm ambjent pożittiv u kompetittiv.
Il-klabb esprima d-diżappunt tiegħu li jara lil Turner jitlaq, iżda fl-istess ħin wera rispett sħiħ lejn id-deċiżjoni tiegħu li jfittex sfidi ġodda fil-karriera tiegħu. Huwa jitlaq fuq nota pożittiva, b’relazzjoni b’saħħitha mal-klabb u b’wirt li diffiċli jintesa.

Sliema Wanderers irringrazzjaw lil Turner għas-servizz tiegħu u awgurawlu kull suċċess fil-futur, filwaqt li enfasizzaw li dejjem se jibqa’ parti mill-familja tal-klabb.