Opinjoni

Opinjoni: L-ewwel ġimgħa tal-kampanja

Bla dubju, il-preżenza ta’ Alex Borg għandha l-kwalitajiet kollha biex il-Partit Nazzjonalista jwassal il-messaġġ tiegħu

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

L-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali f’Malta kienet mimlija attività, b’messaġġi politiċi intensi u dibattitu qawwi bejn il-partiti ewlenin. Jidhirli li l-Labour qiegħed kontinwament reattiv għall-politika mressqa mill-Partit Nazzjonalista u minn Alex Borg, politika li qiegħda turi li fil-pajjiż hawn alternattiva serja għall-governanza b’viżjoni.
Il-Partit Nazzjonalista bdejna din il-fażi b’enfasi ċara fuq diversi oqsma kruċjali li jolqtu direttament il-ħajja taċ-ċittadini, fosthom l-enerġija, is-saħħa u l-istipendji tal-istudenti. Il-pajjiż għandu bżonn direzzjoni ċara fuq oqsma ewlenin, bħas-saħħa, l-enerġija, l-edukazzjoni u l-popolazzjoni.
Fuq il-qasam tal-enerġija, bħala Partit Nazzjonalista qegħdin nuru li l-pajjiż għandu jnaqqas id-dipendenza fuq sorsi tradizzjonali u jħares lejn futur aktar sostenibbli, fl-istess waqt jassigura li l-kontijiet jibqgħu b’li huma. Anzi, qegħdin immorru pass akbar u qegħdin inwiegħdu li se rraħħsu l-kontijiet bi 30% u nneħħu l-kera tal-‘meters’.
Il-proposti tagħna jinkludu investiment akbar fl-enerġija rinovabbli, b’mod partikolari fix-xemx u r-riħ, kif ukoll skemi biex aktar familji u negozji jinstallaw pannelli solari. Il-partit qed jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta’ trasparenza akbar fil-mod kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-enerġija, u qegħdin naffermaw impenn li naħdmu biex il-kontijiet jibqgħu stabbli u affordabbli, speċjalment fid-dawl tal-kriżijiet internazzjonali li affettwaw il-prezzijiet tal-fjuwil fl-aħħar snin.
Fis-settur tas-saħħa, il-messaġġ tagħna huwa ffukat fuq titjib fil-kwalità tas-servizzi u tnaqqis fil-‘waiting lists’. Qed nargumentaw li s-sistema tas-saħħa għandha bżonn aktar investiment fir-riżorsi umani, inklużi tobba, infermieri u professjonisti oħra. Barra minn hekk, qed nipproponi l-modernizzazzjoni tal-faċilitajiet mediċi u aktar kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat biex il-pazjenti jingħataw kura aktar effiċjenti.
Aspett ieħor importanti huwa l-enfasi fuq is-saħħa mentali, b’wegħda li jiżdiedu s-servizzi u l-appoġġ għal dawk li qed jiffaċċjaw diffikultajiet f’dan il-qasam. F’dan il-qasam qed nimpenjaw ruħna li nibnu sptar ġdid fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, inkabbru l-Paola Hub, nagħmlu l-bidliet li hemm bżonn f’Mater Dei u nibnu sptar ġdid f’Għawdex, b’dan tal-aħħar jibqa’ ma jasal qatt mill-Gvern Laburista minkejja kull wegħda.
Fir-rigward tal-istipendji, il-Partit Nazzjonalista qed jindirizza direttament lill-istudenti u ż-żgħażagħ. Il-proposta ewlenija hija li jiġu riveduti l-istipendji biex jirriflettu aħjar l-għoli tal-ħajja, u se nżiduh b’25%, allura b’mod sinifikanti minn kull żieda fl-aħħar snin.
Il-partit qiegħed iwiegħed li jżid l-għajnuna finanzjarja lill-istudenti kollha li jieħdu l-istipendji, filwaqt li jintroduċi miżuri biex jinkoraġġixxi aktar studenti jsegwu oqsma ta’ studju li huma kruċjali għall-ekonomija Maltija. B’hekk qed intellgħu l-istipendji għal min jistudja fil-qasam tas-saħħa għall-ekwivalenti tal-paga minima u qed nagħtu liż-żgħażagħ Għawdxin ‘grant’ ta’ €400 addizzjonali minħabba l-ivvjaġġar u l-ispejjeż relatata.

Il-PN b’politika eqreb tan-nies
Bla dubju, il-preżenza ta’ Alex Borg għandha l-kwalitajiet kollha biex il-Partit Nazzjonalista jwassal il-messaġġ tiegħu. Qed jitkellem b’mod frekwenti dwar il-ħtieġa ta’ bidla ġenerazzjonali fil-politika Maltija u qed jappella b’mod partikolari għaż-żgħażagħ li għalihom irridu niggarantixxu futur.
Fid-diskorsi tiegħu, Alex Borg qed jenfasizza temi bħat-trasparenza, il-governanza tajba u l-importanza li l-politika tkun eqreb tan-nies. Hu qed jippreżenta ruħu bħala vuċi ġdida li tifhem l-isfidi tal-ġenerazzjonijiet iżgħar, inklużi l-prezzijiet għoljin tal-propjetà, l-impjiegi u l-edukazzjoni u l-kwalità tal-ħajja.
Fl-istess ħin, il-ġurnali indipendenti f’Malta qed joffru analiżi kritika ta’ din l-elezzjoni li ġiet imsejħa qabel iż-żmien, u dan argumentajt dwaru fl-aħħar artiklu tiegħi. Ħafna minnhom qed jistaqsu dwar ir-raġunijiet wara din id-deċiżjoni u jekk din kinitx motivata minn kalkoli politiċi aktar milli mill-interess nazzjonali.
Xi kummentaturi qed jargumentaw li elezzjoni bikrija tista’ tkun tentattiv biex jinqabad mument politiku favorevoli, filwaqt li oħrajn qed jarawha bħala opportunità biex Abela jikkonsolida l-pożizzjoni tiegħu.
Interessanti ħafna li f’dan ir-rigward, kemm Is-Sunday Times u kemm Il-Malta Indipendent on Sunday esprimiet dawn l-argumenti. Il-midja indipendenti qed tiffoka wkoll fuq il-livell tad-dibattitu politiku, u qed tisħaq fuq il-ħtieġa li l-kampanja tibqa’ ffukata fuq il-proposti konkreti aktar milli fuq attakki personali.
B’mod ġenerali, l-ewwel ġimgħa tal-kampanja wriet li l-Partit Nazzjonalista qed jipprova jpoġġi ruħu bħala alternattiva kredibbli b’fokus fuq politika soċjali u ekonomika li tmiss il-ħajja ta’ kuljum, aspett importanti u li Abela jipprova jindirizzah biss billi jiżborżja l-kaxxa ta’ Malta mingħajr ebda pjan.
Jgħidu li l-ewwel u l-aħħar ġimgħa huma l-aktar importanti, u s’issa Alex Borg u l-Partit Nazzjonalista b’mod ġenerali, qed nuru li lesti nippreżentaw viżjoni li tagħti nifs ġdid lil Malta u lill-futur tagħha.

Alex Borg qed jenfasizza temi
bħat-trasparenza, il-governanza tajba u l-importanza li l-politika tkun eqreb tan-nies

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 6 ta’ Mejju, 2026.