Opinjoni

Opinjoni: Minna l-anzjani jiddependi l-futur ta’ pajjiżna

Joe M. Zahra, President APAN

Ftit tal-jiem oħra mmorru nivvutaw. Se nivvutaw dwar x’Malta rridu għada, pitgħada. Dwar x’Malta rridu nħallu lil uliedna u lil ulied uliedna. Għalkemm aħna sehemna diġà tajnih biex pajjiżna għamel rebħiet kbar, l-aktar importanti posthom il-kisba tal-Indipendenza u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea, xorta baqgħalna ħafna x’noffru u x’nagħtu.
L-anzjani huma forza fil-pajjiż. Forza li rridu nużawha tajjeb billi ma nħallux min joskuralna d-deċiżjonijiet tagħna b’wegħdi ta’ qabel l-elezzjoni biex jisirqulna l-vot. Aħna m’aħniex għall-bejgħ! M’għandix dubju li l-anzjani se jużaw il-vot tagħhom għal pajjiż aħjar. Iridu wkoll jikkonvinċu lil ħaddieħor biex jagħmel l-istess.
Aħna wkoll irridu nħarsu lejn il-futur. Futur fejn il-ġid li ksibna flimkien fl-aħħar 60 sena nkomplu nkattruh għal min se jiġi warajna. Irridu nħarsu ’il quddiem. Ma noqogħdux ngħidu li aħna sehemna tajnieh. Kollu veru, iżda qatt mhu biżżejjed. Illum anki jekk forsi ma nistgħux inkomplu nagħtu sehemna fil-qasam tax-xogħol xorta għadna nistgħu nagħtu pariri dwar ix-xogħol u dak kollu li jwassal għal futur aħjar.
Aħna l-anzjani nistgħu, u għandna niddedikaw iktar ħin għall-volontarjat għax anki dan is-settur huwa wieħed li jikkontribwixxi biex jissawwar il-futur.
Ejjew naħdmu flimkien għal futur aħjar. Ejjew naħdmu biex nikkonvinċu dwar dak li nemmnu fih. Ejjew inħeġġu lill-anzjani kollha biex fit-30 ta’ Mejju jmorru jivvutaw. U jekk hemm xi anzjan li għandu diffikultà f’xi ħaġa li mhux jifhem sew iċemplilna. Aħna nweġbukom.
Morru vvutaw għall-kandidati kollha li ħerġin mal-PN. Li nqishom bħala persuni li għandhom għal qalbhom l-interessi tal-anzjani u tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Agħżel il-futur… qabel ma jagħżluh għalina

Ġużeppi Camilleri
Reġgħet waslet elezzjoni oħra. Din mhix politika tar-rutina. Dan huwa mument ta’ deċiżjoni li jrid isawwar min se jmexxi dan il-pajjiż. Ta’ spiss elezzjonijiet huma turija ta’ lealtà, konswetutni jew konfront. Din id-darba ma jistax ikun hekk.
Qed ngħixu żmien ta’ inċertezza kbira. Fostna, il-valuri li għexna qed jisparixxu. Is-soċjetà kulma jmur qed tiġi msawwra fuq interessi kummerċjali u pjani fil-qosor. Fl-istess waqt id-dinja daħlet, u se tibqa’ dieħla, fi żmien ta’ teknoloġija avvanzata magħrufa bħala Intelliġenza Artifiċjali, forza li se tiddefenixxi mill-ġdid ekonomiji, professjo-nijiet u anki relazzjonijiet umani. Dan mhux fil-bogħod. Dan diġà beda u qiegħed fostna. Il-ħasra hija li ħafna għadhom jivvutaw qisu mhu jinbidel xejn.
Għalhekk responsabbiltà kbira taqa’ fuq l-anzjani. Inthom l-anzjani ssagrifikajtu ħajjitkom biex bnejna dan il-pajjiż. Intom tafu xi jfisser sagrifiċċju, dixxiplina u responsabbiltà. Iżda llum ir-responsabbiltà kbira tagħkom mhix lejn il-passat, iżda lejn il-futur.
Il-mistoqsija hija sempliċi: X’tip ta’ Malta tridu tgħaddu lil uliedkom? Pajjiż li jirreżisti l-bidla jaqa’ lura. Jew Malta li tiffaċċja r-realtà b’kuraġġ u tipprepara għal dak li għad irid jiġi? Malta għandha bżonn tmexxija li m’għadhiex maqbuda fil-passat. Iżda għandha bżonn tmexxija li tifhem il-ħajja, il-kumplessività u r-riskji tad-dinja moderna.
F’Malta hawn sinjali ċari ta’ ġenerazzjoni li lesta tieħu r-riedni f’idejha. Nies bħal Alex Borg jirrapreżentaw aktar dan minn żgħożija. Jirrapreżentaw urġenza, enerġija u moħħ determinat li kapaċi jaħseb u jifhem il-futur. Mhux jgħix fil-passat. Is-saħħa tiegħu mhix biss il-lealtà tiegħu iżda l-abbiltà li jaħseb ’il quddiem u fil-futur, jaġixxi deċissivament u jirrelata mar-realtajiet li ġenerazzjoni żagħżugħa ser tħabbat wiċċha magħhom.
Dan mhux li wieħed jagħżel żgħożija minflok esperjenza, iżda li nagħrfu li l-esperjenza mingħajr tiġdid twassal għal staġnar. U staġnar fid-dinja tal-lum ifisser rigress.
Lil dawk li għandhom l-esperjenza tas-snin ngħidulhom: tivvutawx skont l-attitudni. Tibżgħux tivvutaw għall-bidla. Ivvutaw b’kuraġġ. Għax jekk mhux se nivvutaw biex nagħżlu l-futur b’mod ħieles kif irridu aħna, dan il-futur se jiġi deċiż għalina minn forzi li ma jkollniex kontroll fuqhom.
Din l-elezzjoni mhix dwar dak li għandna llum. Hija elezzjoni li se tiddeċiedi jekk Malta u Għawdex humiex se jimxu ’l quddiem, jew jaqtgħu lura.
L-għażla f’idejk. Il-futur ma jistenniex. Għażel il-futur qabel ma jkun tard wisq. Tivvutawx għall-bieraħ, Ivvutaw għal għada. Malta għandha bżonn mexxejja mimlija enerġija biex jiffaċjaw il-problemi ta’ għada. Mhux mexxejja komdi bil-passat.

Żidiet lir-romol biex itaffu l-friża tal-Gvern Laburista

Bejn l-1982 u Mejju 1987 ir-romol, bħall-bqija tal-Maltin u l-Għawdxin, kellhom il-pensjonijiet tagħhom friżati mill-Gvern Laburista. Fl-ewwel sitt xhur ta’ Gvern Nazzjonalista fl-1987 ingħataw l-ewwel żieda. Żieda li kien jieħdu fi żmien sentejn.
1988: Lm2 (€4.66) żieda fil-pensjoni. 1989: Żieda ta’ lira (€2.33) fil-ġimgħa lil dawk in-nisa li romlu wara li għalqu 60 sena. Żieda ta’ Lm3.63 (€8.46) fil-pensjoni ta’ nisa romol li tnaqqsitilhom il-pensjoni supplimentari mal-għeluq ta’ 60 sena. 1990: Il-pensjoni tar-romol, fejn hemm pensjoni oħra, żdiedet b’Lm1.35 (€3.15) għal Lm14.60 (€34) fil-ġimgħa.
L-armla li żewġha jkun miet qabel ma laħaq l-età tal-pensjoni ingħatat id-dritt li tingħata l-pensjoni tas-superstiti jekk żewġha jkun ikkon-triwixxa għall-pensjoni taż-żewġ terzi. Ma titnaqqasx il-pensjoni ta’ ommijiet romol li jkunu ħadmu u fl-istess ħin irabbu t-tfal.
1991: Għall-ewwel darba fl-istorja tas-Sigurtà Soċjali f’pajjiżna l-pensjoni tar-romol telgħet għal Lm23.60 (€55) u minkejja li jkun hemm pensjoni tas-servizz tkun kemm tkun fl-ebda każ ma jitnaqqas ammont ta’ aktar minn Lm7.63 (€17.78) fil-ġimgħa mill-pensjoni li armla tkun qed tirċievi. Rata li kompliet żdiedet ukoll minħabba ż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali.
Irġiel romol li kienu jiddependu għall-għajxien tagħhom minn marthom ingħataw id-dritt għall-pensjoni kontributorja tar-romol jekk il-mara kienet assigurata.
1992: Ir-rata bażika tal-pensjoni tar-romol żdiedet minn €24.60 (€57.32) għal Lm26.60 (€61.98) żieda ta’ Lm2 (€4.66). Dawk ir-romol li li kienu għadhom irabbu t-tfal setgħu jaħdmu u jaqilgħu kemm iridu u ma jitnaqqsilhom xejn mill-pensjoni. Dawk ir-romol li ma kinux għadhom jaħdmu u li għadhom irabbu t-tfal żdiditilhom l-‘allowance’ minn 85c (€1.98) għal Lm3 (€6.99) żieda ta’ €5. Romol li kienu jirċievu pensjoni tas-superstiti f’każ li jerġgħu jiżżewġu ingħataw somma li tkun ekwivalenti għal mhux iktar mir-rata massima tal-pensjoni bażika tar-romol għal sena.
Mis-sena 1993 ingħatat garanzija li kull armla tieħu żieda fil-Pensjoni tas-Sigurtà Soċjali skont kif tkun applikabbli għaliha u li ma tkunx anqas minn żewġ terzi taż-żieda mal-Paga Minimna Nazzjonali. Dan għall-ewwel ħames snin ta’ Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami.
Bejn l-1987 u l-1997, l-ewwel 10 snin ta’ Gvern Nazzjonalista, il-pensjonijiet tar-romol żdiedu b’medja ta’ 119% meta fl-istess perjodu r-rata tal-inflazzjoni telgħet bi 30.2%. Hekk il-pensjoni tar-romol żdiedu b’erba’ darbiet iktar mill-għoli tal-ħajja. Li jfisser titjib qawwi fil-livell tal-għajxien tar-romol. Titjib li kompla għaddej tul is-snin kollha li l-PN kien fil-Gvern bejn l-1987 u l-2013.

Nhar il-Ħamis 23 ta’ April l-APAN organizzat ‘breakfast’ f’lukanda f’San Ġiljan fejn kien numru sabiħ ta’ anzjani li qattgħu nofs ta’ nhar flimkien f’atmosfera mill-isbaħ. Fi tmiem din l-attività il-President tal-APAN irringrazzja lil dawk kollha preżenti u ħeġġiġhom biex issa li l-elezzjoni kienet wara l-bieb jikkontribwixxu mill-ħin tagħhom biex jgħinu lill-PN fil-kampanja elettorali.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 6 ta’ Mejju, 2026.