Lokali

“Partit Laburista fil-Gvern qed iħalli lir-residenti Karkariżi bla stabbiltà” – Desirei Grech

Fl-ewwel intervent waqt il-mass rally li organizza l-Partit Nazzjonalista f’Birkirkara, indirizzat il-folla li kienet preżenti, is-Sindku tal-lokalità, Desirei Grech li esprimiet l-unur tagħha li qed titkellem fir-rwol ta’ Sindku ta’ Birkirkiara, minkejja s-sitwazzjoni surreali, li llha għaddejja kważi sentejn. Għalkemm Desirei Grech, ilha Sindku sa mill-bidu tal-leġislatura, sforz ċirkostanza li l-Gvern irrifjuta li jsolvi b’emenda sempliċi fil-liġi, is-Sindku Nazzjonalista, qed tispiċċa tieħu l-ġurament ta’ Sindku tar-residenti Karkariżi kull tliet xhur. Dan kollu qed iżid l-inċertezza politika f’waħda mill-akbar lokalitajiet f’Malta, tort tal-pika politika li qed jagħżel li jimxi biha l-Partit Laburista fil-Gvern.

“Bħal dan iż-żmien sentejn konna f’kampanja elettorali. Il-maġġoranza tal-poplu Karkariż għażel li jrid li jkollu tmexxija mill-Partit Nazzjonalista. Iva, bħala Partit irbaħna il-maġġoranza f’Birkirkara wara numru ta’ snin. Jiena kont il-kandidata tal-Partit li ġibt l-akbar ammont ta’ voti dakinhar. Messaġġ ċar. Messaġġ demokratiku,” żiedet tgħid Desirei Grech.

Hi spjegat, li minflok il-Partit Laburista “irrispetta l-vot tal-poplu, għal dawn l-aħħar sentejn, kull tliet xhur kellu jissejjaħ vot biex jerġa jkun konfermat min se jkun Sindku bil-liġi. Ħallew lil raħal kbir bħal dan lampa stampa, u ma ridux joffrulu stabbiltà,” kompliet tgħid is-Sindku żagħżugħha ta’ Birkirkara.

Hekk kif is-Sindku ta’ Birkirkara qasmet din l-esperjenza politika tagħha waqt din l-attività politika, Desirei Grech kompliet tgħid li “b’ghafsa ta’ qalb nista’ ngħid li llum naf kemm il-Kunsilli Lokali m’għadhomx Gvern Lokali li wegħdna Gvern Laburista. Dak li bena l-Partit Nazzjonalista tul is-snin, il-Gvern Laburista kissru. Għax il-Kunsilli saru customer care department tal-Gvern.”

Hi tenniet li minkejja dawn il-problemi u l-intriċċi tal-Partit Laburista fil-Gvern, xorta waħda “in-nies jiġu għandna bi problemi fit-toroq, bid-dawl, bis-sigurtà u bin-nuqqas ta’ investiment infrastrutturali.”

Desirei Grech spjegat kif preżentament il-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex m’għandhomx ir-riżorsi li għandhom bżonn.

Hi temmet tgħid li l-messaġġ aħħari li tixtieq twassal fl-indirizz tagħha hu li “ġenwinament nemmen li Malta għandha bżonn nifs ġdid. Nifs ġdid fil-politika. Nifs ġdid fil-mod kif nitkellmu man-nies.”

Intant, fil-bidu tal-indirizz tagħha, Desirei Grech mhux biss selmet lir-residenti Karkarizi b’mod partikolari lil resident li joqgħod ftit passi ‘il boghod minn fejn saret l-attività, ħatfet l-opportunità li ssellem b’mod spejċali lil “resident li emmen f’pajjizu, kellu viżjoni u ħadem biex illum nistgħu bi kburija ngħidu li aħna Maltin u Ewropej! Grazzi lil missier Malta Ewropea, Eddie Fenech Adami,” qalet b’entużjażmu kbir is-Sindku ta’ Birkirkara.