“Gvern ġdid Nazzjonalista jassigura li trasferiment ta’ wirt ma jkunx intaxxat, li titneħħa t-taxxa tas-suċċessjoni tan-negozji tal-familja kif ukoll li titneħħa t-taxxa fuq id-donazzjoni ta’ propjetà immobbli.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt li kien qed jindirizza mass rally f’Birkirkara u li matulu ħabbar tliet proposti ġodda li se jgħinu lill-familji kif ukoll ngħinu liż-żgħażagħ f’housing affordabbli.

It-tliet proposti ġodda li ħabbar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista huma:
- Kull trasferiment li jseħħ f’każ ta’ wirt ma jkunx intaxxat
- Tneħħija tat-taxxa tas-suċċessjoni tan-negozji tal-familja
- Tneħħija tat-taxxa fuq id-donazzjoni ta’ propjetà immobbli
Matul id-diskors tiegħu, Alex Borg spjega dawn it-tliet proposti fejn sostna li Gvern ġdid Nazzjonalista jneħħi b’mod sħiħ it-taxxa u l-bolla fuq it-trasferiment ta’ negozji li jgħaddu b’titlu ta’ wirt, kemm jekk it-trasferiment jinvolvi ishma f’kumpaniji kif ukoll jekk jinvolvi propjetà immobbli użata għall-kummerċ.
Apparti minn hekk, huwa ħabbar ukoll li Gvern ġdid Nazzjonalista jneħħi b’mod sħiħ u mingħajr limitu ta’ valur il-ħlas tal-bolla fuq kull trasferiment ta’ propjetà immobbli li jgħaddi b’titlu ta’ wirt.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar ukoll li Gvern ġdid Nazzjonalista jneħħi b’mod sħiħ it-taxxa u l-bolla fuq trasferiment ta’ propjetà immobbli li jgħaddi minn ġenituri għal uliedhom jew għal ulied uliedhom b’titlu ta’ donazzjoni fejn din l-eżenzjoni se tapplika fuq kull tip ta’ propjetà immobbli.
Alex Borg sostna li b’dawn il-proposti l-Partit Nazzjonalista se jkun qed ineħħi l-piż tat-taxxi minn fuq il-poplu Malti u Għawdxi.
Dan filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li fl-aħħar jiem ħabbar niċeċ ekonomiċi ġodda li huma:
- Il-Mediterranean Maritime Fuel Hub li se jkun qed jiġġenera madwar €450 miljun fl-ewwel tliet snin
- Data, AI u New Space fejn b’dan l-investiment din l-industrija mistennija trendi madwar €100 miljun fl-ewwel ħames snin
- Investiment fit-talent u l-artisti lokali b’investiment ta’ madwar €350 miljun fil-proġett PORT li huwa distrett kulturali fil-Marsa

Għaldaqstant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li qed jaħdem sabiex jibni pajjiż fejn il-futur jitfassal fuq ekonomija ġusta li ttejjeb il-ħajja tal-ħafna mhux tal-ftit, fejn kulħadd ikollu xogħol li jagħtih sodisfazzjon u paga li biha jlaħħaq mal-ħajja, fejn il-morda jingħataw fil-pront il-kura kollha li jkollhom bżonn kif ukoll fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jixtru l-ewwel propjetà u jibnu familthom.
//= $special ?>

