Kunsilli Lokali Lokali

Tisħon il-qiegħa bejn is-Sindku u l-eks Sindku Laburista f’Ħal Tarxien

Is-sitwazzjoni bejn il-kandidati Laburista f’Ħal Tarxien qed tkompli tiħrax dan hekk kif l-eks Sindku Laburista Joseph Abela Galea, u s-Sindku preżenti Paul Farrugia, tal-istess lokalità infexxew f’argument fi grupp fuq Facebook, fejn anki f’xi waqtiet il-kliem użat beda jiġi dekorat bl-aqwa titli lejn xulxin.

Jirriżulta li l-kwistjoni ewlenija kienet minħabba xi żebgħa li kien hemm mal-art fi Ġnien Joanne, fejn imbagħad iż-żewġ kandidati Laburista bdew igiddbu ‘l xulxin fuq Facebook. Fil-kummenti Farrugia, magħruf bħala ‘ix-Xitan’,  għajjar lil Abela Galea “giddieb”. 

Joseph Abela Galea, l-eks Sindku kien irriżenja mill-Kunsill fejn qal li ma setax jibqa’ jaħdem mingħajr fondi u minħabba li kien hemm min kien qed jgħamillu l-bsaten fir-roti. Il-kunflitt ma tantx qed jitfa’ dawl tajjeb fuq is-sitwazzjoni preżenti, kemm fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien kif ukoll bejn il-kandidati Laburista għall-elezzjoni ta’ Mejju li ġej.

Fl-istess kummenti akkost il-batibekki kontinwi, residenti lmentaw li waqt li argumentaw bejniethom, il-ħsara taż-żebgħa baqgħet hemm, u li l-problema għadha qed tippersisti.

Dwar din is-sitwazzjoni li ħoloq il-Partit Soċjalista f’din il-lokalità, il-Kumitat Sezzjonali tal-PN f’Ħal Tarxien fi stqarrija tenna li fl-aħħar ġranet il-lokalità reġgħet esperjenzat kunflitt bejn is-Sindku u l-eks Sindku Laburista fil-lokal bid-detriment dejjem ikun fuq ir-residenti.

Abela serva bħala Sindku fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura, li iżda tulha r-riżenja minħabba li kif ħabbar hu kien hemm “tfixkil minn ġewwa”, b’referenza ċara għal Paul Farrugia, is-Sindku preżenti.

Il-Kumitat PN f’Ħal Tarxien esprima t-tħassib tiegħu li wara l-elezzjoni ta’ Mejju li ġej, din il-kontroverzja taf terġa’ tirreppeti ruħha. Jekk dan isir ir-resident se jerġa’ jmur minn taħt.

Min-naħa l-oħra l-istqarrija elenkat li l-Partit Nazzjonalista fil-lokalità qiegħed joffri tim magħqud ta’ kandidati li kontinwament qed iżommu kuntatt u jisimgħu l-karbiet tar-resident. Il-Kumitat tal-PN saħaq  li l-alternattiva denja f’Ħal Tarxien hija biss il-Partit Nazzjonalista.