Lokali

Ġimgħa wara…inċident ieħor bejn erba’ vetturi

Triq il-Qlejgħa fil-Mosta, pass bogħod mir-roundabout fi Triq Buqana fejn seħħ l-inċident fatali tal-14 t’April li għadda, kienet xiehda ta’ inċident ikrah ieħor illi fih karozza tat-tip Fiat baqgħet dieħla fi 3 karozzi oħrajn.

Il-każ seħħ il-Ħadd għall-ħabta tal-10:30pm, bil-Pulizija, l-ambulanzi u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili mal-ewwel jaslu fil-post sabiex jagħtu l-assistenza.

Fortunatament, l-inċident ma kellux konsegwenzi serji fuq in-nies involuti. Fil-fatt, kien biss żagħżugħ ta’ 20 sena illi kien jeħtieġ kura kaġun tal-feriti ħfief illi ġarrab. Hu kien passiġġioer fil-karozza Fiat illi laqtet Peugeot, Volkswagen u Mitsubishi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejin.