Lokali

“Gvern li ma jimpurtahx”

Joħorġu l-ewwel billboards tal-Partit Nazzjonalista

Matul is-sigħat bikrin tal-lejl il-Partit Nazzjonalista ta bidu għall-kampanja elettorali li se twassal sal-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju fejn se jiġu eletti l-Membri Parlamentari Ewropej kif ukoll il-kunsilliera fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta.

“Gvern li ma jimpurtahx” hu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista f’dawn l-ewwel billboards li ġew imtella’ fit-toroq Maltin b’eżempji ta’ kif il-korruzzjoni qed tiswa lill-familji Maltin €725 miljun fis-sena, flus li kieku setgħu jibqgħu fil-but tal-poplu jew li bihom il-pajjiż seta’ għamel ħafna iżjed proġetti f’oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni jew l-infrastruttura.

Messaġġ ewlieni ieħor hu dwar il-pensjonijiet fejn kif jgħid il-Partit Nazzjonalista f’dan l-ewwel billboard il-Gvern ma jimpurtahx li l-pensjoni mhix isservi biżżejjed lill-anzjani li jridu jgħixu ħajja diċenti u fost l-oħrajn ilaħħqu mal-prezz tal-mediċina.

U l-għoli tal-ħajja dejjem tiela tant li l-paga mhux biżżejjed biex il-familji Maltin ilaħħqu. Dan hu messaġġ ieħor li l-Partit Nazzjonalista qed iwassal f’billboard ieħor madwar Malta u Għawdex.

Il-billboards li tella’ l-Partit Nazzjonalista jirriflettu dak li qal ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta wiegħed li l-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalisa se titkellem dwar in-nies u dak li qed jgħaddu minnu.

Sadanitant, il-Partit Soċjalista ħareġ mill-ewwel jattakka dawn il-billboards li jidher ċar li qed joqorsuh fil-laħam il-ħaj. Min-naħa l-oħra l-billboards tal-Partit Soċjalista ma jgħidu xejn. Lanqas il-konferenza ġenerali li se jtella’ nhar il-Ħadd m’għandha tema, minflok il-Partit Soċjalista għażel li jiddiskuti lil Joseph Muscat.

Dan in-nuqqas ta’ ideat u viżjoni politika ġibdu mill-ewwel ir-reazzjoni ta’ ħafna fil-mezzi soċjali li rrimarkaw kif il-Partit Soċjalista spiċċa jiddiskuti lilu nnifsu minflok ma jitkellem dwar il-problemi tan-nies.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista qed iħeġġeġ lil kull min hu ta’ rieda tajba biex jingħaqad f’għajta waħda Flimkien għal Pajjiżna.