Lokali

“Iż-żieda fil-popolazzjoni tista’ tbaxxi l-kwalita’ tal-ħajja” – Prof. John Schembri

Il-kwalita’ tal-ħajja tista’ titbaxxa fil-futur qarib minħabba ż-żieda
kontinwa fil-popolazzjoni. Dan ħareġ minn intervista li ta l-Professur fl-
Universita’ ta’ Malta John Schembri, li hu espert fil-ġeografija, u li ta
l-kummenti tieghu l-Ħadd lil ġurnal MaltaToday.  

Il-Professur Schembri esprima l-preokupazzjoni minħabba d-densita’
massiva tal-popolazzjoni, filwaqt li n-numru ta’ persuni li jgħixu f’kull
kamra tista’ tfisser statistika inkwetanti.

Huwa qal li l-aħħar ċensiment kien juri li 14.1 fil-mija tal-popolazzjoni f’Malta huma barranin.

Issa huwa sta għaċ-ċensiment li jmiss tal-2021 li għandu jagħti stampa
aktar ċara tan-numru ta’ barranin…bl-espert Malti jgħid li dawn qed
jiġu minn kullimkien, inkluż mill-Lvant Nofsani u l-Filippini.
John Schembri spjega li d-densita’ tal-popolazzjoni b’1,300 persuna għal
kull kilometru kwadru, hija mingħajr dubju l-ogħla densita’ fl-Ewropa.  

Iżda l-aktar inkwetanti huwa n-numru ta’ persuni li qegħdin jgħixu
f’kull kamra. In-numru ta’ persuni f’kull kamra jista’ jkun wieħed
xokkanti fejn ikollok erba’, ħamsa u f’każijiet anke sitt persuni f’kull
kamra, u dan f’inħawi fejn il-popolazzjoni hija waħda densa.  

Dan huwa kollu ta’ tħassib minħabba li hawn min ma jafordjax djar
diċenti jew sahansitra saqaf fuq rasu – tema li l-PN ilu xhur jitkellem
dwarha. Inkwetanti wkoll li lokalitajiet bħal Mġarr bil-mod il-mod
qed jiġu żviluppati.

Schembri qal li anke l-lokalita’ ta’ Ħ’Attard li qabel kien subborg kwiet,
ġie “overpopulated” bi 12,000 persuna kull kilometru kwadru jgħixu fih.
Insista  li fil-preżent, il-Maltin se jkollhom jaddattaw jgħixu
f’appartamenti.