Internazzjonali

Sri Lanka: It-terrur fis-Sri Lanka kellu l-appoġġ ta’ ‘network internazzjonali’, bil-mejtin jitilgħu għal 300

L-awtoritajiet fis-Sri Lanka qalu li l-mewġa ta’ splużjonijiet ta’ Ħadd il-Għid li kienu diretti kontra l-knejjes u l-lukandi saru bl-appoġġ ta’ ‘network internazzjonali b’elementi terroristiċi’. Dan meta l-mejtin fl-attakki suwiċida, sal-bieraħ, laħħqu mat-300, b’madwar 500 jisfaw midruba.

Il-Gvern tas-Sri Lanka qed iwaħħal it-terrur f’moviment lokali ta’ ġiħadisti bl-isem ‘Grupp Nazzjonali ta’ Thowheed Jamath’, li ftit hemm magħruf dwaru. Dan meta ħadd ma ammetta r-responsabbiltà għad-dmija li paralizzat il-ħajja normali f’dan il-pajjiż.

Intant, daħal fis seħħ stat ta’ emerġenza nazzjonali, bil-pulizija tarresta talanqas 24 persuna waqt sensiela ta’ rejds.

Fi żvilupp ieħor, vann li, illum, kien qed ikun suġġett għal investigazzjoni sploda qrib il-knisja ta’ Kochchikade, f’Kolombo, u wara li n-nies kienu evakwati miz-zona fost l-allert. Jidher li l-vann kien fost ‘l-istrumenti tal-mewt li ħallew ist-terroristi’ u bl-isplużjoni sseħħ waqt li l-qawwiet tas-sigurtà kienu qed jippruvaw jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Intant, il-kelliema għall-Gvern Srilankan ma jemmnux li l-attakki tal-Ħadd twettqu ‘biss’ minn persuni lokali, filwaqt li insistew li t-terrur ‘ma kienx ikun possibbli mingħajr l-appoġġ u għajnuna ta’ xi network internazzjonali li jinvolvi l-organizzazzjonijiet terroristiċi’.

Dan meta l-President tas-Sri Lanka, Maithripala Sirisena, beħsiebu jitlob l-għajnuna minn barra biex isib ‘il-konnessjoni internazzjonali’ mal-qattiela.Sar magħruf ukoll li l-qawwiet tas-sigurtà Srilankani ‘kienu konxji mill-possibbiltà li jsiru l-attakki f’Kolombo’ iżda jidher li ma tteħditx azzjoni biex huma jikkonfrontaw it-theddida.

Sadanittant, l-istat ta’ curfew li qed jillimita l-movimenti tar-residenti f’Kolombo mistenni jkompli, bis-Sri Lanka qed tosserva ġurnata ta’ luttu nazzjonali.

Dan meta fi żviluppi oħra, id-Dipartiment tal-Istat Amerikan wissa liċ-ċittadini tiegħu biex jeżerċitaw il-kawtela fil-każi fejn huma qegħdin jivvjaġġaw lejn is-Sri Lanka. L-istqarrija qalet biċ-ċar li ‘il-gruppi terroristiċi qegħdin ikomplu jippjanaw l-attakki potenzjali f’dak il-pajjiż’.

Fl-attakki tal-Ħadd – li kienu fost l-agħar fl-istorja moderna tas-Sri Lanka – l-imsemmija knisja f’Kolombo u żewġ knejjes oħra f’Negombo u Batticaloa sfaw mira tat-terroristi waqt is-servizzi tal-Għid, b’aktar splużjonijiet iżidu mal-imwiet u l-qerda fi tliet lukandi ewlenin tal-kapitali.

L-aggressjoni kordinata tmexxiet minn diversi terroristi suwiċida, bil-pulizija, għalissa, ma tipprovdix dettalji speċifiċi dwar l-ammont eżatt ta’ persuni maqtula f’kull lokalità.

Il-maġġoranza assoluta tal-mejtin huma ċittadini Srilankani, fosthom Kristjani, li tilfu ħajjithom waqt li kienu qed jattendu għas-servizzi reliġjużi tal-Ħadd. Intant, kien hemm ukoll numru ġmielu ta’ vittmi barranin, fosthom ċittadini mir-Renju Unit, id-Danimarka, il-Portugall, l-Indja, l-Olanda, it-Turkija, l-Awstralja, iċ-Ċina u l-Ġappun.