Internazzjonali

Is-Sudan: Il-militar iwissi dwar is-sigurtà fost il-kriżi

Il-Gvern militari attwali tas-Sudan qed iwissi lid-dimostranti li jridu amministrazzjoni ċivili biex ineħħu l-ostakoli li ttellgħu fit-toroq ta’ Khartoum.

Dan wara li l-mexxejja tad-dimostrazzjonijiet fil-kapitali qalu li ‘temmew il-kuntatti’ mal-kunsill militari li, jiem ilu, ġab fi tmiem il-Presidenza ta’ Omar al-Bashir li kienet damet għal 30 sena.

Id-dimostranti jinsabu miġburin madwar numru ta’ barrikati quddiem il-kwartieri-ġenerali tal-militar u meta l-folol qegħdin jakkużaw lill-kunsill militari ‘li qed jinkludi fih xi elementi mill-eks reġim ta’ Bashir’.

Sadattant, il-militar fis-Sudan qal li hu impenjat biex iċedi l-poter ladarba s-sitwazzjoni tkun tippermetti u meta għandu jikkunsidra t-twaqqif ta’ kunsill konġunt magħmul minn militar u ċivili.

Madankollu, il-militar għamilha ċara li hu responsabbli miż-żamma tas-sigurtà fis-Sudan anki waqt li d-dimostranti kkonfermaw l-intenzjoni tagħhom biex ‘ikomplu jikkontrollaw iċ-checkpoints’ fil-kapitali.

Id-dimostrazzjoni barra l-kwartieri tal-militar f’Khartoum ilha għaddejja mis-6 ta’ April li għadda. Ħamest ijiem biss wara l-bidu tad-dimostrazzjoni, Omar al-Bashir kien spiċċa mkeċċi mill-poter u fejn minfloku ħa r-riedni l-imsemmi kunsill militari li wiegħed biex jittrasferixxi l-poter lil Gvern ċivili sa sentejn oħra.