Internazzjonali

Il-President ġdid tal-Ukrajna jħares lejn il-kriżi tas-separatisti

Il-President ġdid tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, beħsiebu jibda fażi ġdida ta’ taħditiet għall-paċi mas-separatisti li qegħdin jiġġieldu kontra l-qawwiet Ukreni fil-Lvant ta’ pajjiżu u li huma appoġġjati mir-Russja.

Zelensky, li, nhar il-Ħadd, kiseb rebħa impressjonanti fuq ir-rivali u eks President Petro Poroshenko fil-fażi deċiżiva tal-elezzjoni għall-Presidenza Ukrena, indika li se jsiru ‘il-bidliet’ fil-proċess delikat u li l-Ukrajna, taħtu, se tkompli tiddiskuti fuq il-bażi tat-taħditiet għall-paċi ‘ta’ Minsk’, bil-għan li tikkonkludi ftehim konkret għal waqfien mill-ġlied fir-reġjun tad-Donbass.

Il-ftehim ta’ Minsk, iffirmat fl-2014 mir-rappreżentanti tal-Ukrajna, ir-Russja, ir-Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk u r-Repubblika tal-Poplu ta’ Luhansk, kien intiż biex jieqfu l-battalji bejn il-qawwiet Ukreni u s-separatisti armati fir-reġjun partikulari.

Madankollu, kompla xorta l-ġlied fir-reġjun, fost it-tensjoni bejn Kiev u Moska rigward il-Krimea li r-Russja, fl-2014, kienet ħatfet lill-Ukrajna u għaqqditha ma’ artha.

Intant, Volodymyr Zelensky – attur f’sensiela komika għat-televiżjoni –rebaħ 73 fil-mija tal-vot kontra l-24 fil-mija għal Poroshenko. Filwaqt li l-President elett wiegħed lis-sostenituri li ‘mhux se jiddiżappuntahom’, ir-Russja qed tesiġi ma’ Zelenski ‘biex juri sens ta’ onesta u pragmatiżmu bil-għan li jitjiebu r-relazzjonijiet bilaterali.

Filwaqt li l-Prim Ministru Russu, Dmitry Medvedev, qal li hemm iċ-ċans li jitjiebu r-relazzjonijiet ma’ Kiev, Petro Poroshenko qal li Zelensky, li għandu 41 sena, m’għandux l-esperjenza meħtieġa ‘biex iżomm il-kolp mar-Russja’. Dan meta Zelensky hu magħruf l-aktar bħala l-attur prinċipali fis-sensiela satirika għat-televiżjoni bl-isem ‘Servant of the People’, fejn il-karattru tiegħu jilħaq President tal-Ukrajna bi żball.

Intant, il-fantasija issa ċediet postha għar-realtà, b’Zelensky se jkun taħt pressjoni intensiva biex juri lill-poplu tiegħu li jaf tassew x’qiegħed jagħmel.

Matul il-kampanja, Zelensky kien evita l-intervisti u taħditiet dwar il-politika tal-Ukrajna u minflok ibbaża fuq sensiela ta’ videos umoristiċi fuq il-midja soċjali.

Meta, issa, fadal madwar xahar qabel l-inawgurazzjoni tiegħu bħala President, Zelensky għandu jikkonċentra fuq pjan li tindirizza aħjar l-ostilitajiet mar-ribelli separatisti fil-Lvant tal-Ukrajna — meta r-rivali kbir tiegħu, Poroshenko (li kien ilu fil-poter mill-2014) qed jagħmilha ċara li ‘hu mhux se jwarrab mill-politika’.