Internazzjonali

L-Irlanda ta’ Fuq: Arresti fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista McKee

Il-pulizija li qed jinvestigaw il-qtil, ix-xahar li għadda, tal-ġurnalista Lyra McKee, arrestaw erba’ persuni f’Londonderry. Dan waqt li huma kienu qed jeżerċitaw il-poteri tagħhom taħt il-leġislazzjoni anti-terroristika.

L-arrestati – kollha rġiel – inġabru waqt rejds fuq numru ta’ residenzi. L-awtoritajiet, wara, ikkonfermaw li l-irġiel kienu qed jinżammu b’konnessjojni mal-vjolenza li seħħet matul il-lejl meta McKee spiċċat titlef ħajjitha.

Lyra McKee sfat maqtula minn tiri sparati minn militanti Irlandiż f’ħin meta kienu għaddejjin l-irvellijiet f’Londonderry.

Il-qtil qajjem l-għadab tal-poplu fl-Irlanda ta’ Fuq li qed tgawdi paċi relattiva wara l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira storiku ( tal-1998) li, fil-parti kbira, irnexxielu jtemm 30 sena ta’ vjolenza politika f’din il-provinċja.