Sport Waterpolo

San Ġiljan jassiguraw it-tielet post fil-kampjonat tax-xitwa


VALLETTA VIDEOSLOTS…… 5 SAN ĠILJAN TUM INVEST… 14

(4-2), (0-6), (0-3), (1-3)

San Ġiljan TUM Invest ftit sabu diffikultà biex għelbu lil Valletta Videoslots 14-5 biex b’hekk kisbu t-tielet post fil-kampjonat. Il-logħba kienet kwieta mingħajr tensjoni partikolari hekk kif din il-logħba kważi kienet meqjusa formalità minħabba d-diżappunt taż-żewġ timijiet li ma waslux sal-finali.

Valletta kellhom bidu tajjeb u ġustament marru 4-2 fil-vantaġġ, b’gowls minn Miguel Zammit, Charlie Zammit, James Spiteri Staines u Andrea Agius. Fl-ewwel sessjoni, San Ġiljan dehru bla ideat u mingħajr kattiverja fl-attakk.

Madankollu l-Ġiljaniżi rnexxielhom isibu l-forma tipika tagħhom fit-tieni sessjoni hekk kif iddominaw minkejja li ma kellhomx okkażjoni waħda ta’ raġel aktar. Huma skorjaw sitt gowls mingħajr risposta b’doppjetti ta’ Matthew Zammit u Ben Plumpton kif ukoll gowls ta’ Andreas Galea, Darren Zammit.

B’vantaġġ tajjeb ta’ 8-4, San Ġiljan għalqu l-logħba meta reġgħu kkontrollaw it-tielet sessjoni u din id-darba skorjaw tliet gowls mingħajr risposta, b’żewġ penalties ta’ Dino Zammit u gowl ta’ Matthew Zammit.

L-aħħar sessjoni kienet mingħajr importanza minħabba li r-riżultat kien deċiż. Miguel Zammit naqqas id-distakk għal Valletta filwaqt li Tristan Said skorja tripletta għal San Ġiljan fl-aħħar tliet minuti.

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (1), A. Agius (1), P. Borg, C. Zammit (1), R. Mock, D. Paolella, M. Mifsud, N. Farrugia, M. Zammit (2), M. Lanzon, L. Gialanze, R. Bonnici

San Ġiljan: J. Tanti, A. Saliba, A. Galea (2), B. Grech, K. Dowling, M. Zammit (3), B. Plumpton (2), T. Said (3), Da. Zammit (1), P. Fava (1), Di. Zammit (2), T. Micallef

Referees: Massimo Angileri, Stefan Licari

L-EWWEL DIVIŻJONI

MARSAXLOKK BROWN’S……. 9 OTTERS NIVEA………………….. 6

(4-2), (1-1), (0-2), (4-1)

Marsaxlokk Brown’s Pharmacy temmew il-kampjonat fit-tielet post b’rebħa ta’ 9-6 fuq Otters Nivea. Ir-rebħa għalihom immaturat fl-aħħar sessjoni għalkemm kellhom sfida aktar minn denja minn Otters.

Huma rebħu l-ewwel sessjoni 4-2, b’doppjetta ta’ Rainier Scerri u penalty ta’ Michael Rizzo jagħti vantaġġ doppju lil Marsaxlokk u  wara li Gabriel Mizzi naqqsu d-distakk, Stephen Micallef għamilhom 4-2. Ix-Xlukkajri żammew id-distakk ta’ żewġ gowls fit-tieni sessjoni iżda dan il-vantaġġ intilef wara l-mistrieħ, b’Otters iġibu d-draw minn Jake Bonavia u Karl Scicluna.

Fl-aħħar sessjoni Michael Rizzo skorja għal Marsaxlokk u Aleandro Mifsud wieġeb għal Otters, biex ix-Xlukkajri skorjaw tliet darbiet minn Rainier Scerri u doppjetta ta’ Timmy Agius u rebħu l-logħba.

Marsaxlokk: R. Coleiro, J. Rizzo Naudi, L. Calleja, M. Martellacci, T. Agius (2), L. Saliba, J. Galea, M. Pace, S. Micallef (2), R. Scerri (2), M. Cacici, O. Zammit, F. Buhagiar, K. Galea (1), M. Rizzo (2)

Otters: M. Xerri, C. Spiteri Debarro, L. Falzon, L. Hyzler, E. Meli, C. Bugeja, K. Scicluna (1), G. Mizzi (1), A. Mifsud (3), C. Teuma, J. Bonavia (1), D. Dimech, D. Camilleri

Referees: Peter Balzan, Alex De Raffaele