Lokali

Pierre Portelli jirriżenja minn chairman eżekuttiv ta’ Media.Link

Pierre Portelli ħabbar ir-riżenja tiegħu minn chairman eżekuttiv ta’ Media.Link Communications.

L-aħbar ingħatat tard it-Tnejn filgħaxija wara l-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PN, u wara li l-ġimgħa li għaddiet Portelli nnifsu kien preżenta l-ittra tar-riżenja lill-Kap tal-PN Adrian Delia.

Pierre Portelli jibqa’ sinonimu mal-bidla pożittiva li saret f’Net TV bil-għan li jkun hemm re-branding totali tal-istazzjon sabiex jinġiebu programmi ġodda u ta’ kwalita’. Kien ukoll strumentali biex Radio 101 sar Net FM, u ddaħħlu numru ta’ programmi differenti anke fuq ir-radju.

Pierre Portelli kien ukoll strumentali biex Net TV fakkar l-20 sena mit-twaqqif tiegħu permezz tas-serata Net Honours, filwaqt li mil-lat tekniku xpruna l-kunċett ta’ Net on Domand u l-librerija diġitali.

F’kumment li ħalla fuq Facebook, Pierre Portelli qal illi qatt mhu se jinsa l-mumenti sbieħ li għex f’dawn l-aħħar xhur mat-tim ta’ Media.Link u se jibqa’ jaħdem biex jara lill-PN jirkupra u joffri s-soluzzjonijiet li għandu bżonn pajjiżna.