Futbol Sport

It-tieni rebħa għall-Maltin fl-Awstrija

Ritratt: MFA

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena rreġistra t-tieni rebħa minn daqstant partiti waqt kamp ta’ taħriġ fl-Awstrija.

Fit-tieni logħba, gowl ta’ Shaun Dimech kien biżżejjed biex l-iskwadra mmexxija minn Winston Muscat kisbet rebħa ta’ 1-0 fuq SK Jenbach.

B’din il-logħba, it-tim Malti temm sitt ijiem ta’ taħriġ f’Fugen l-Awstrija fejn għad-dispożizzjoni tal-kowċ Muscat u l-assistent tiegħu Stefano Grima, kien hemm 20 plejer, li wħud minnhom kienu parti mit-tim li ftit taż-żmien ilu ħa sehem f’turnew f’Malta fejn kienu spiċċaw fit-tielet post, b’erba’ punti.

Għad ta’ plejers oħra ġew promossi f’din l-iskwadra wara li qatgħu figura tajba mal-iskwadra nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena.

Fl-ewwel logħba, il-Maltin kienu rebħu 2-1 kontra l-U19s ta’ FC Tirol b’gowls ta’ Paul Mbong wara tliet minuti u Alex Satariano man-nofs siegħa logħob.

Din l-esperjenza serviet ukoll ta’ avveniment li jkompli jgħaqqad lil dan il-grupp ta’ plejers f’tim wieħed.

Ritratt: MFA