Ambjent Kultura Lokali

FILMAT: Fenomenu naturali uniku fuq il-baħar

Reġgħu magħna l-vjaġġi bid-dgħajjes organizzati minn BirdLife Malta biex il-pubbliku jgawdi l-ispettaklu taċ-Ċief taħt Ta’ Ċenċ

Iċ-Ċiefa (bl-Ingliż Scopoli’s Shearwater) hija għasfur tal-baħar li jqatta’ ħajtu fuq l-ilma u jersaq lejn l-art biss biex ibejjet. Dan l-għasfur ibejjet f’diversi rdumijiet madwar il-Gżejjer Maltin, u f’Malta għandna 3% tal-popolazzjoni dinjija tiegħu (bejn 4,000 u 5,000 par) bl-akbar kolonja tinstab fl-Irdumijiet ta’ Ta’ Ċenċ f’Għawdex. Matul iż-żmien meta jkun qed ibejjet f’Malta, dan l-għasfur jipprovdi spettaklu uniku fuq il-baħar ’il barra minn dawn l-irdumijiet hekk kif mijiet, u kultant eluf, ta’ Ċief jinġemgħu fi gruppi mdaqqsa hekk kif tkun nieżla x-xemx u jagħmlu dak li jissejjaħ ‘rafting’ fuq wiċċ l-ilma qabel ma jidħlu lura fil-bejta tagħhom fl-irdum hekk kif jidlam.

Dan il-fenomenu naturali mill-isbaħ joffri spettaklu mhux tas-soltu hekk kif ħafna minn dawn l-għasafar ikunu jistgħu jiġu osservati jittajru fil-baxx flimkien fi qtajja’ kbar bl-għajta partikolari tagħhom tidwi mal-blat tal-irdumijiet fejn ibejtu. Dan il-fenomenu annwali jdum għaddej kemm idum il-perjodu tal-bejta ta’ dawn l-għasafar imma l-qofol – jiġifieri meta wieħed jista’ josserva dawn l-għasafar fi gruppi kbar ħafna – jintlaħaq f’Ġunju u Lulju.

Ta’ kull sena, f’dan il-perjodu partikolari tas-sena BirdLife Malta tipprovdi l-opportunità lill-pubbliku biex igawdi dan il-fenomenu naturali li jiżvolġi fuq il-baħar billi torganizza vjaġġi lejn iz-zona ta’ taħt Ta’ Ċenċ fl-eqqel tal-istaġun taċ-Ċief. Din is-sena se jsiru erba’ vjaġġi minn dawn organizzati minn din l-NGO ambjentali.

Il-vjaġġi se jsiru l-Ġimgħa 19 u s-Sibt 20 ta’ Lulju, u fi tmiem il-ġimgħa ta’ wara, il-Ġimgħa 26 u s-Sibt 27 ta’ Lulju. F’kull wieħed mill-vjaġġi d-dgħajjes jitilqu fis-6.30pm mill-moll tal-Marfa (faċċata tal-lukanda Riviera) ħlief għal dak tal-Ġimgħa 26 ta’ Lulju. Dan il-vjaġġ partikolari se jkun wieħed speċjali għall-Għawdxin – jitlaq minn, u jerġa’ lura lejn il-Port tal-Imġarr f’Għawdex biex ikun vjaġġ speċjali li jakkomoda lill-Għawdxin.

Biex wieħed jara aktar dettalji u jibbukkja post fuq wieħed minn dawn il-vjaġġi, irid jidħol f’dan is-sit elettroniku fejn isib ukoll post fejn iħallas online fuq sistema apposta: https://birdlifemalta.org/2019/06/shearwater-boat-trips-2019. Hemm prezzijiet speċjali għal min hu membru ta’ BirdLife Malta. Il-booking jagħlaq fl-10 ta’ Lulju għall-ewwel żewġ vjaġġi u ġimgħa wara, fis-17 ta’ Lulju, għall-aħħar żewġ vjaġġi. Jekk il-vjaġġi jkunu fully-booked jingħalaq qabel.

Dawn il-vjaġġi qed jiġu organizzati taħt il-kappa tal-proġett LIFE Arċipelagu Garnija – proġett kofinanzjat minn fondi tal-programm LIFE tal-Unjoni Ewropea li permezz tiegħu BirdLife Malta qed tmexxi studju mifrux fuq ħames snin dwar għasfur ieħor tal-baħar li għandna fil-Gżejjer Maltin – il-Garnija, bl-Ingliż ‘Yelkouan Shearwater’. Il-Garnija wkoll hija tajra tal-baħar li tbejjet f’pajjiżna u tgħix biss fir-reġjun tal-Mediterran. Xi 10% (bejn 1,370 u 2,000 par) tal-popolazzjoni dinjija ta’ din l-ispeċi tbejjet fil-Gżejjer Maltin u għalhekk il-ħarsien tal-popolazzjoni Maltija tal-Garni hu kruċjali għas-sopravivenza dinjija ta’ din l-ispeċi.

Qabel dan il-proġett, BirdLife Malta flimkien ma’ għadd ta’ msieħba lokali u barranin ħadmet fuq proġetti oħra ta’ konservazzjoni tal-għasafar tal-baħar b’finanzjament Ewropew mill-programm LIFE tal-UE: il-Malta Seabird Project u l-Yelkouan Shearwater Project, li permezz ta’ riċerka estensiva u innovattiva identifikaw zoni marittimi essenzjali għall-għasafar tal-baħar ta’ Malta (fosthom iċ-Ċief) u ħolqu inventarju ta’ dawn iz-zoni (magħrufin bħala Important Bird Areas, jew IBAs) fil-baħar. Din l-informazzjoni għenet lill-Gvern Malti (li kien imsieħeb f’dawn il-proġetti permezz ta’ Ministeri rispettivi) biex jonora l-obbligi tiegħu li jiddikjara dawn iz-zoni bħala Zoni Marittimi ta’ Protezzjoni Speċjali (marine Special Protected Areas, jew SPAs) li b’hekk saru parti min-netwerk Natura 2000. B’hekk ukoll, Malta ssodisfatt l-impenn tagħha li timplimenta d-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar.

Dawn is-siti Natura 2000 fil-baħar jinkludu l-fliegu ta’ bejn Malta u Għawdex li fih isiru l-vjaġġi bid-dgħajjes biex il-pubbliku jgawdi l-ispettaklu taċ-Ċief. Minħabba n-numru kbir ta’ koloniji ta’ tajr tal-baħar fosthom l-irdumijiet f’Ta’ Ċenċ, imma wkoll Kemmuna, Kemmunett u l-Aħrax tal-Mellieħa – li kollha jinsabu madwar il-fliegu – ammonti kbar ta’ Garni u Ċief jgħaddi mill-fliegu kif jagħmlu wkoll tajr tal-passa bħalma huma l-borok.

Minbarra ċ-Ċiefa u l-Garnija, f’Malta nsibu wkoll it-tielet għasfur tal-baħar li wkoll hemm il-ħtieġa li jingħata protezzjoni – il-Kanġu ta’ Filfla (European Storm-petrel). Kif juri ismu, fil-gżira ċkejkna ta’ Filfla nsibu waħda mill-akbar kolonji fil-Mediterran ta’ dan l-għasfur żgħir tal-baħar b’bejn 5,000 u 8,000 par li jammonta għal aktar minn nofs is-sottospeċi Mediterranja ta’ dan l-għasfur (il-Mediterranean Storm-petrel). Madanakollu, dan l-għasfur żgħir li ftit li xejn nies jirnexxilhom jarawh, ibejjet ukoll f’xi għerien f’Ta’ Ċenċ. Dan jagħmel minn dan is-sit wieħed mill-ftit postijiet fil-Gżejjer Maltin fejn ibejtu flimkien t-tliet speċi ta’ għasafar tal-baħar li semmejna.