Ekonomija Lokali

Il-kriżi fil-kostruzzjoni: l-Abbozz fil-format eżistenti hu “inaċċettabbli” – il-Kamra tal-Periti

l-emendi ma jindirizzawx "problemi oħra marbutin mal-ħitan tal-appoġġ u l-pedamenti tagħhom li kienu ddisinjati sabiex jifilħu żewġ jew tliet sulari u mhux iktar"

L-Abbozz ta’ Liġi li jemenda regolamenti dwar l-Evitar tal-Ħsara lil Terzi Persuni fil-format eżistenti “mhux aċċettabbli”. Sostniet dan il-Kamra tal-Periti fi stqarrija b’reazzjoni preliminari għall-Abbozz ippubblikat ilbieraħ mill-Gvern.

Il-Kamra tal-Periti qalet li l-għaġġla biex jiġu implimentati proposti għall-qafas regolatorju li hu spezzettat m’humiex maħsuba b’mod tajjeb. Dan il-qafas għandu bżonn bidla mill-qiegħ u l-Kamra tal-Periti ilha tisħaq dwar dan għal diversi snin. Kompliet li dawn l-emendi qed jiddaħħlu mingħajr ma jqisu kif dawn se jaffettwaw leġislazzjoni oħra, prattiċi aċċettati u r-riżorsi tal-industrija u li se jikkaġunaw biss konfużjoni.

Fl-istess waqt, kompliet il-Kamra tal-Periti, l-emendi ma jindirizzawx “problemi oħra marbutin mal-ħitan tal-appoġġ u l-pedamenti tagħhom li kienu ddisinjati sabiex jifilħu żewġ jew tliet sulari u mhux iktar”

L-istqarrija tkompli li l-proposti qed jinkludu rwoli ġodda mingħajr ma jiddefinixxu l-kompetenzi tagħhom u jinjoraw ir-rwol ta’ persuni eżistenti bħall-bennej liċenzjat. Ir-regolamenti jinjoraw ukoll il-vojt fil-liġi fejn il-kuntratturi li flimkien mal-periti huma responsabbli għall-integrita’ tal-istruttura, li jkunu reġistrati.

Il-Kamra tal-Periti tkompli li l-miżuri li qed jiġu proposti li japplikaw b’mod retroattiv fuq proġetti diġa’ mibdija se jkollha effett fuq il-kapaċita’ tal-industrija li tirrispondi għal dawn il-bidliet. Pożizzjoni finali dwar l-emendi proposti se tkun pubblikata wara Laqgħa Ġenerali Straordinarja skedata għal nhar il-Ġimgħa