Lokali

FILMAT: Ir-riskju ta’ kanċer jiżdied b’14-il darba

Il-ħaxixa qed tikkawża problemi psikoloġiċi fosthom psikożi, attakki tal-qalb u kanċer – nies li jagħmlu użu minn din is-sustanza huma 14-il-darba aktar f’riskju ta’ kanċer minn min jagħmel użu mit-tabakk.

Din id-dikjarazzjoni tal-Psikjatra Anton Grech saret waqt konferenza organizzata mill-Fondazzjoni OASI u l-Kunsill Lokali tan-Naxxar – konferenza nazzjonali dwar id-droga u s-saħħa mentali, li fiha tkelmu bosta esperti li taw ħarsa lejn is-sitwazzjoni attwali, il-ħsara li qed issir bid-droga u anke l- prevenzjoni.

Dan is-sit tkellem mall-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni OASI, Noel Scerri li spjega kif din il-fondazzjoni tgħin fil-privenzjoni, trattamenti u riabilitazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam problemi ta’ droga, filwaqt li tqajjem kuxjenza fis-soċjeta’.

Fl-intervent tal-ftuħ, is-Sindku tan-Naxxar, Anne-Marie Muscat Fenech Adami saħqet li bid-droga titlef l-affarijiet għal qalbek u twassal għal mard mentali. Hi kompliet billi qalet li flimkien mal-kunsill temmen f’ħajja sana fl-sfidi kollha tagħha.

Manuel Gellel, min-National Focal Point li hu unit governattiv, tkellem dwar l-aħħar surveys ta’ nies li talbu u rċevew l-għajnuna fis-sena 2016 u 2017.

L-ammont li rċivew xi forma ta’ għajnuna naqas bi 17-il persuna mill-2011. Dan meta mqabbel mal-2017 fejn 1,845 persuna użaw is-servizzi tal-Gvern. Minnhom irċivew trattament aktar minn 245 persuna għall-ewwel darba. Il-maġġoranza tan-nies li jagħmlu użu ta’ drogi, jfittxu l-għajnuna madwar 9 snin wara.

Sharon Arpa mis-Sedqa, tkelmet fuq stħarrig li jsir fl-iskejjel ma’ żgħażagħ ta’ 16-il sena. 3,326 student ħadu sehem… b’54% isostnu li kkunsmaw alkohol fl-aħħar xahar.

Sharon Arpa sostniet li għalkemm hemm liġi li tiprojbixxi żgħażagħ ta’ din l-eta’ milli jixtru alcohol, 86% saħqu li tul ħajjithom diġa kkunsmaw l-alcohol. Minn dan is-survey, ħareġ li 50% xtraw u kkunsmaw alcohol minn postijiet ta’ divertiment. Apparti minn hekk, ħareġ ukoll li qed ikun hemm tipjip ta’ sigaretti sa minn eta’ ta’ 14-il sena kif ukoll ….13% użu ta’ Kannabis fost dawn l-istudenti.

Il-President ta’ Malta George Vella qal li n-numri juru kif dan kollhu qed jaffetwa s-soċjeta’ speċjalment liż-żgħażagħ u li ser ikun qed jaħdem biex f’pajjiżna jkompli jkun hawn għarfien dwar is-saħħa mentali.

Attenda wkoll il-Ministru tal-Familja u Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon li fl-intervent tiegħu qal li għandna realtajiet ta’ dawn il-problemi fil-ħajja ta’ kuljum b’aċċen għall-problema fost dawk minuri. Hu għalaq l-intervent tiegħu billi qal li rridu naħdmu flimkien fejn jidħol il-qasam soċjali.

F’din il-konferenza tkellem ukoll l-Profs. Richard Muscat li ffoka l-intervent tieghu fuq l-istrateġija ta’ prevenzjoni ħolistika.