Lokali

Verifikati l-firem tat-tieni petizzjoni

Wara li l-Partit Nazzjonalista rċieva t-tieni petizzjoni ffirmata minn 536 persuna sabiex jissejjaħ Kunsill Ġenerali straordinarju, saru l-verifiki neċessarji biex immedjatament ikun jista’ jinbeda l-proċess.

Fi stqarrija, il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Kristy Debono qalet illi mill-verifiki joħroġ li mill-536 firma li kienu ppreżentati hemm:

  • 24 firma li mhumiex validi għaliex huma ta’ persuni li mhumiex membri tal-Kunsill Ġenerali;
  • 6 firem li mhumiex validi għaliex il-persuni li ffirmaw, kienu irrifjutaw jew ma ħallsux it-tessera kif mitlub minnhom u allura statutorjament mhumiex membri tal-Kunsill Ġenerali;

 U joħroġ ukoll li:

  • 7 persuni minn dawk li ffirmaw l-aħħar li ħallsu t-tessera kien fl-2017;
  • 70 persuna minn dawk li ffirmaw l-aħħar li ħallsu t-tessera kien fl-2018;

Għalhekk wara l-verifiki neċessarji hemm 429 firma valida.

L-istqarrija tgħid illi għaldaqstant skont Artikolu 31 tal-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, it-talba ta’ dawn il-membri tal-Kunsill Ġenerali ġiet mgħoddija lill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.