Ekonomija Kummerċ Lokali

International Hotel Investments tixtri lil Island Hotels Group Holdings

International Hotel Investments (IHI) p.l.c. se tixtri l-assi u l-operat ta’ Island Hotels Group Holdings (IHGH) p.l.c.

Bħala parti mill-ftehim bejn iż-żewġ kumpaniji, intlaħaq qbil li l-maniġment ta’ IHGH mhux se jinbidel u se jibqgħu jħaddmu n-negozji tal-kumpanija b’mod normali. Anke l-ħaddiema li hemm impjegati bħalissa mhux se jitilfu xogħolhom.

Dan l-akkwist ta’ kumpanija minn oħra għandu jfisser iktar sinerġiji inkluż fl-operat tal-lukanda ta’ IHGH fil-bajja ta’ San Ġorġ mal-lukandi fil-qrib li tmexxi IHI. L-esperjenza tat-tnejn għandha ttejjeb l-effiċjenza fix-xogħol u għandha twassal biex il-kumpanija jkollha tkabbir internazzjonali imsaħħaħ.

Fi stqarrija, intqal li l-ftehim bejn iż-żewġ kumpaniji hu suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet għax-xhur li ġejjin fosthom li jkun hemm l-approvazzjoni tal-azzjonisti u li jintlaħqu ħtiġijiet regolatorji.
IHI qed tistma l-valur tal-intrapriża fil-livell ta’ €106.5 miljun u l-valur tan-negozju tal-IHGH nett, wara t-tneħħija ta’ obbligazzjonijiet oħra, fil-livell ta’ €50 miljun.

IHI qed tindika li jekk l-indikazzjoni tal-valur jiġi kkonfermat, hi se tressaq offerta volontarja għall-ishma ta’ IHGH li jitħallsu €1 kull sehem f’kontanti, maqsuma f’darbtejn. L-ewwel ħlas ikun ta’ 55ċ u t-tieni ħlas jingħata 12-il xahar wara. L-azzjonisti ta’ IHGH jingħataw ukoll 0.246 ta’ sehem ta’ IHI għal kull sehem attwali, billi jinħarġu 9 miljun sehem ta’ IHI.

Iktar ’il quddiem, iż-żewġ kumpaniji mistennija jħabbru t-termini u l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom IHI se tagħmel l-offerta tagħha għall-ishma ta’ IHGH.