Il-Pulizija fl-Italja ssekwestraw is-soċjeta’ tal-gaming Betuniq, li hi reġistrata f’Malta, u arrestaw lil 41 persuna fosthom Mario Gennaro, li waqqaf din il-kumpanija. Is-sekwestru jlaħħaq valur ta’ kważi €2 biljun.
F’pajjiżna wkoll ġew sekwestrati azjendi li jaqgħu taħt il-kumpanija Betuniq, jiġifieri Uniq Group Limited u Uniq Shopping Limited fil-Gżira, kif ukoll Tebaral Holding Ltd u Tebaral Trading LTD fil-Belt Valletta u Betsolution4u Ltd u Fast Run Limited f’San Ġwann.
Gennaro, li hu membru tal-grupp mafjuż Tegano, qed jiġi akkużat li ħadem għall-grupp tal-mafja ‘ndrangheta u mexxa’ sistema’ ta’ logħob illegali online bi skop ta’ evażjoni tat-taxxa u riċiklaġġ tal-flus akkwistati minn operazzjonijiet illegali.
Il-kumpanija Betuniq, li topera f’numru ta’ pajjiżi, kienet tuża servers barranin li ġew ikkreati apposta biex jevadu l-liġi Taljana.
Jirriżulta li l-‘ndrangheta kienet qed tuża lil Malta, kif ukoll il-gżejjer Antilles, il-Panama u r-Rumanija biex twettaq ħasil ta’ flus. Filfatt il-kumpanija kienet qed tikber b’rata mgħaġġla ħafna, tant li nfetħu mal-500 sit tal-kumpanija mal-Italja kollha u dan jidher li hu frott tal-fondi ta’ ‘ndrangheta minn operazzjonijiet illegali oħra.
Jirriżulta wkoll li l-Pulizija segwew ukoll lil Gennaro minħabba l-vjaġġi spissi tiegħu lejn malta biex jieħu sehem f’turnej tal-poker flimkien ma’ personaġġi magħrufa sew fix-xena tal-betting sportiv u persuni regolari fil-każino’ lokali.
Fid-dawl ta’ dan il-Pulizija Taljana qed tinvestiga wkoll jekk Gennaro kienx jiġi Malta biss biex jieħu sehem fit-turnej tal-poker jew inkella kienx qed jieħu sehem f’dawn it-turnej biex jgħatti illegalitajiet ikbar.
//= $special ?>