Lokali

FILMAT: “L-Istat ma proteġiex lil Daphne, għalhekk qtil politiku” – Protesta Nazzjonali fil-Belt

Is-Soċjetà Ċivili tagħmel tliet talbiet lill-Prim Ministru - it-tneħħija tal-Kummissarju, it-tneħħija tal-Avukat Ġenerali u l-għażla mill-ġdid ta' dawn iż-żewġ karigi b'żewġ terzi tal-Parlament

Aġġornata

Is-Soċjetà Ċivili qed tagħmel tliet talbiet lill-Prim Ministru Joseph Muscat: li jitneħħa mill-kariga l-Kummissarju tal-Pulizija; li jitneħħa mill-kariga l-Avukat Ġenerali u li dawn iż-żewġ karigi jerġgħu jimtlew biss b’vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament.

Dawn it-talbiet għamilhom Michael Briguglio, l-aħħar kelliem waqt il-protesta nazzjonali fil-Belt Valletta li għaliha attendew eluf kbar ta’ persuni li ħonqu Triq ir-Repubblika u l-pjazza ta’ quddiem il-Qorti, fejn saru d-diskorsi.

It-talbiet ġew preżentati wkoll lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, li skont Michael Briguglio, aċċettat li tilqa’ t-talbiet. Briguglio qal ukoll li l-President għandha teżerċità l-awtorità morali biex issir ġustizzja.

Sar ukoll appell dirett lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex dan jilqa’ t-talbiet li qed tagħmel is-soċjetà ċivili, bir-rappreżentanti jiddikkjaraw li mhux se jieqfu jekk it-talbiet ma jintlaqgħux.

In-nies bdew jinġabru fil-pjazza ta’ quddiem il-Parlament għall-ħabta tat-3.30pm, bi flokkijiet, banners u kartelluni b’messaġġi differenti iżda li lkoll jitolbu ġustizzja. Wieħed mill-banners, li ddendel mal-grada tal-Qorti, juri wiċċ il-Kummissarju tal-Pulizija bil-kliem: “No change, no justice. Irriżenja”.

Aktar kmieni…

“ĠUSTIZZJA”. Din se tkun it-tema ta’ Protesta Nazzjonali li se tibda minn hawn u ftit ieħor, organizzata min-Network tas-Soċjetà Ċivili.

L-għan tal-Protesta Nazzjonali, li tibda fl-4pm mid-Daħla tal-Belt, hu li tintalab ġustizzja wara l-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Għal din il-Protesta hu mistieden il-pubbliku, l-NGOs lokali kollha, l-organizzazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-soċjetà ċivili u l-partiti politiċi, u fejn qed jintalab li dawk li jattendu jieħdu magħhom bnadar ta’ Malta.

 

Il-Pulizija jingħataw ordni jneħħu banners bil-kliem “Mafia State” li twaħħlu quddiem il-Parlament

Tfal, ġenituri u għalliema tal-iskola San Anton f’mixja ta’ solidarjetà mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia