Coronavirus Lokali Saħħa

50 każ ġdid ta’ Covid-19, ifiqu 32

Fl-aħħar 24 siegħa, 50 persuna ttestjaw pożittivi għall-Coronavirus. Il-każijiet attivi issa telgħu għal 750 li jinkludu 75 immigrant irregolari.

In-numru totali ta’ każijiet f’Malta issa hu 2,985. It-total ta’ każijiet li fiequ huwa 2,079.

Skont il-paġna ta’ Facebook ta’ Saħħa, mill-każijiet tal-Ħadd. 8 każijiet kienu ta’ qraba, tnejn kellhom kuntatt dirett ma’ persuna pożittiva, każ mid-Dar tal-Anzjani ta’ San Ġużepp, 4 kellhom kuntatt ma’ persuna pożittiva fuq il-post tax-xogħol, żewġ persuni oħra ttieħdu minn attività soċjali.

Nifhmu li l-każijiet l-oħra kienu kollha sporadiċi, jiġifieri ma jafux minn fejn laqtu l-virus.

Intant il-Jum ta’ festa kien immarkat b’żewġt imwiet wara li fl-aħħar sigħat Malta bkiet żewġ vittmi oħra tal-Covid-19. Bl-imwiet f’pajjiżna issa jitilgħu għal 23.

Anzjan ta’ 98  sena miet fl-isptar Mater Dei matul il-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn.  

Dan l-istazzjon jista’ jikkonferma li l-vittma nstab pożittiv għall-Covid-19 fis-6 ta’ Settembru li għadda meta ddaħħal Mater Dei, mir-residenza tal-anzjani tal-Fgura….fejn kien ġie trasferit biex jagħmel intervent.

Skont stqarrija tal-Ministeru tas-Saħħa, l-anzjan kellu kundizzjonijiet ulterjuri

Intant aktar tard waranofsinhar ġie mħabbar li anzjan ta’ 83 sena miet bil-Covid-19.

L-anzjan kien ikkonfermat pożittiv għall-Coronavirus dakinhar li ddaħħal l-isptar Mater Dei fis-16 ta’ Settembru. Huwa baqa’ jingħata kura fl-Isptar Mater Dei sakemm sfortunatament tilef ħajtu. Intqal li l-anzjan kellu kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri.

Dawn l-ahhar fatalitajiet ifissru li fl-aħħar tmint ijiem pajjiżna kellu 8 t’imwiet kaġun ta’ dan il-virus fejn fl-aħħar erbat ijiem kull ġurnata kienet immarkata b’imwiet. Dan il-fatt juri kemm qed tkun b’saħħitha din it-tieni mewġa tal-pandemija fuq pajjiżna….bil-Gvern issa qed jghid li jaf indumu ix-xhur f’din is-sitwazzjoni.