“Aqtagħha għax nisplodik ukoll”, din kienet waħda mill-ħafna theddid li rċeviet iż-żagħżugħa Nicole Grech, attivista fil-Partit Nazzjonalista qalb il-kummenti degradanti li rċeviet fuq filmat ippublikat fuq il-midja soċjali ta’ TikTok. Theddida ċara u tonda li kienet b’referenza għall-eżekuzzjoni makabra tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Nicole Grech saħqet li filmat ippublikat fuq il-paġna uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista – qanqal kummenti xejn sbieħ fil-konfront tagħha. It-tfajla sofriet attakki personali u saħansitra theddid b’madwar 400 kumment fil-maġġorparti tagħhom ‘hate speech’ qawwi.
Hija saħqet li kummenti bħal dawn żgur li mhux se jkunu qed irażżnuha milli tkompli taħdem fuq dak li temmen bis-sħiħ dwaru, bil-għan li pajjiżna jikseb lura r-rispett li jixraqlu – ċertament mhux b’dan l-aġir.
Fl-aħħar ġimgħat dawn l-attakki sfaċċati, u theddid fuq ħajjet persuni li jħadnu fehma politika differenti minn uħud qed isiru aktar spissi.
Dan hekk kif dan huwa biss wieħed mill-aħħar attakki li esponenti tal-Partit Nazzjonalista sofrew fejn fl-aħħar 24 siegħa ankè d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ġarrab theddid fuq il-midja soċjali b’kumment partikolari li jappella li l-istess Aquilina ħaqqu l-forka u jintrabat mal-istatwa ta’ San Nikola fis-Siġġiewi.
Dan filwaqt li fl-aħħar jiem l-eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Eddie Fenech Adami sofra attakk proprju f’għeluq sninu mill-konsulent tal-Gvern Laburista, Neville Gafà.
Ta’ min wieħed jinnota li dan ma kienx l-unika attakk li qed jiġu esposti għalieh żgħażagħ attivi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, hekk kif ankè ż-żagħżugħa Eve Borg Bonello sofriet minn abbuż verbali minn partitarji Laburisti wara post li ppubblikat fuq il-midja soċjali.