Lokali

Il-maltempata Helios iġġib riħ qawwi fuq il-gżejjer Maltin

Il-maltempata Helios mhi tkun xejn ħanina mal-gżejjer Maltin.

Fis-sigħat li għaddew rajna riħ qawwi ħafna li laħħaq forza 8… b’din il-maltempata mistennija li tibqa’ fuqna sal-jum tal-Ġimgħa – jum ta’ festa li sfortunatament se jkun immarkat b’temp qalil.

L-Uffiċċju Meteoroloġiku qed iwissi li r-riħ li qed jolqotna ġej mil-Lvant u se jdur għal Grieg Lvant b’qawwa kbira, u jilħaq qawwa ta’ riefnu fuq l-inħawi fejn jaqbel. Matul il-jum….xita moderata, kultant  qawwija, laqtet lill-gżejjer Maltin – xita li ma waqfet xejn u li ġabet magħha għargħar; inkluż f’toroq li għadhom kif saru dan l-aħħar.

Matul il-lejl bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa mistenni jkun temp imsaħħab u bix-xita, lokalment bir-ragħad, bil-buffuri u s-silġ f’xi waqtiet. Ir-riħ se jkun qawwi mill-Grieg Lvant li jilħaq qawwa ta’ riefnu sa tlugħ ix-xemx.

Ir-riħ qawwi qed jaffettwa wkoll il-baħar, li mistenni jkun qawwi ħafna għal għoli, b’mewġ li mistenni jlaħħaq il-ħames metri.

Fid-dawl ta’ dan kollu, jibqa’ l-appell għall-attenzjoni, partikolarment f’zoni f’pajjiżna li huma sinonimi ma’ għargħar.

Sal-Ġimgħa, il-maltempata Helios se tkun qed tippersisti. B’temperaturi li mistennija jinżlu sa 6 gradi celcius.

Iżda kif jgħidu, wara l-maltemp jiġi l-bnazzi, hekk kif mis-Sibt mistennija li nieħdu xi ftit jew wisq ir-ruħ, bix-xita se tkun qed tbatti; tant li mistennija tirritorna x-xemx.

Ritratt: Martin Agius