“Issa m’għandekx x’tambini aktar? Ma baqalekx x’tambini? Għaliex għamiltli hekk?” Mistoqsijiet tar-raħħal Għawdxi Ġanni Attard indirizzati lill-Prim Ministru Joseph Muscat f’telefonata waqt il-programm Newsdesk fuq Radio 101.
Fit-telefonata tiegħu, ir-raħħal spjega li meta attenda għall-attivitajiet ta’ Muscat f’Għawdex qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Mexxej Laburista kien jgħid li min ma jinqediex minn xi Ministeru, ikun jista’ jkellem lilu. Madankollu, Attard jistqarr li ilu tliet snin jibgħat l-emails lill-Prim Ministru, iżda qatt ma rċieva tweġiba.
Għal dawn l-aħħar snin, ir-raħħal Għawdxi ilu għaddej fi kwistjoni legali dwar nagħaġ li jrabbi u li l-awtoritajiet qed jgħidu li għandhom jinqatlu għal raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà. Attard jirrakkonta li kien Nazzjonalist, iżda vvota lill-Partit Laburista għax emmen il-wegħdiet tal-Mexxej Laburista.
Ġanni Attard qal li ġieli ċempel fil-programmi mmexxija mill-eks President tal-Partit Laburista Manwel Cuschieri. Madankollu, dan dejjem qallu li jrid jinvestiga, iżda qatt ma ċempillu lura. Muġugħ bil-mod kif ġie trattat mill-Partit Laburista, ir-raħħal sfida lill-Prim Ministru biex igiddbu għal dak li qed jgħid.
Dwar il-każ tiegħu, ir-raħħal Għawdxi qal li l-awtoritajiet għamlu minn kollox biex idawwru l-każ kontrieh. Allega li l-Qorti ġiet imminata u li l-Avukat Ġenerali gideb li Attard qatt ma kien arrestat, filwaqt li sostna li jħoss li ma baqax drittijiet.
Hu nnega l-akkużi tal-awtoritajiet li n-nagħaġ huma morda, hekk kif din is-sitwazzjoni qed tiswa ħafna flus lill-pajjiż bil-Pulizija li ta’ kuljum qed ikunu stazzjonati quddiem il-propjetà tiegħu ħalli dan ma jkunx jista’ jagħmel negozju.
Filwaqt li rrepeta kif fl-2013 ivvota għall-ewwel darba lill-Partit Laburista għax emmen il-wegħdiet tal-Mexxej Laburista Joseph Muscat, Ġanni Attard għalaq it-telefonata billi ddikjara li “ħabbejtek tant, tlaqt lin-Nazzjonalisti u ġejt niġri warajk għax wegħdtni li tismagħni”.